'...Lil din Solange kont ilni nafha erbgħa u għoxrin siegħa biss imma kienu biżżejjed biex qalbitli moħħi ta’ taħt fuq; mhux minħabba sbuħitha biss imma anke għall-mod kif kienet tirraġuna u tħares lejn id-dinja u l-univers.
Mela l-ewwel ħadet ċmajra ta’ mħabba fuqi, tliet sigħat wara naraha titbeżlaq ma’ stallun twil sitt piedi u nofs, l-għada riedet terġa’ tiltaqa’ miegħi, ħadet għaliha għax kont fil-kumpanija ta’ Gwenda; u issa, milli kont qed nara, imħabbitha bdiet iddur lejn Gwenda b’mod esklussiv, għax aqta’ x’kull ħarsa bdiet tagħtiha minn taħt.'..
Kritika Letterarja tal-Professur Oliver Friggieri
L-isfida ewlenija li għandu l-kittieb letterarju fi żmienna tmiss sewwasew lill-identità tiegħu bħala narratur – minn ġurnalista sa xandar, minn novellier sa rumanzier. L-irrakkuntar, ġeneru bikri li ħareġ minn fi ħdan il-prożaturi u l-poeti klassiċi, spiċċa biex maż-żmien sar tipiku tal-bniedem f’kull imġiba differenti tiegħu, li biha jesprimi u jikkomunika, jaħseb u jbiddel lil ħsiebu f’kelma, li hi ħoss li jrodd tifsira.
Mill-għamla tal-kelma bħala ħoss titrawwem l-effettività tal-messaġġ. Għalhekk il-messaġġ u l-messaġġier, il-kontenut u l-forma, ilkoll ilhom jitqiesu bħala entità komposta waħda għall-inqas sa minn żmien il-kritiku letterarju Taljan Francesco de Sanctis (1817-1883) ’l hawn.
Il-kompromess postmodern
L-Istrutturaliżmu, bir-reqqa metodika li hu maħsub u mibni biha, issiġilla lil din il-verità – il-kontenut hu l-forma – li ssoktat turi li għall-inqas l-esperjenza umana kollha sseħħ fi ħdan sistema, struttura, realtà magħmula minn sensiela ta’ mudelli mtennija. F’dan il-kuntest awturi bħal Anton Sammut jafu li r-rakkont miktub tagħhom se jikkompeti ma’ dinja teknoloġika, li fiha hi prominenti t-teknoloġija tal-informazzjoni. Minn hawn ’il quddiem l-awtur jagħżel u jadatta l-ġeneru narrattiv, waqt li jifhem li r-rumanzier tradizzjonali ma jistax jibqa’ jinstema’ bil-qawwa li kellu qabel.
Għal Sammut din l-għażla tfisser li r-rumanz għandu jkun qasir; l-azzjoni trid tkun komuni bħalma hi normalment ’il barra mit-territorju tal-kelma miktuba; għandu jkun magħmul minn ċirkustanzi li fihom jixirfu l-bnedmin bħala rakkontaturi ta’ storja intima. Il-personaġġ prinċipali jrid jingħażel minn fost in-nies tat-triq, u jista’ (jew ma jistax) jippersonifika prinċipji ideoloġiċi. Id-diskors kollu għandu jkun politikament korrett. L-aspett l-iżjed deċiżiv huwa l-fatt li bejn il-ġudizzju tal-kritika professjonali u l-ġudizzju tal-kritika popolari kien hemm distanza mill-akbar: ir-rumanz rikonoxxut mill-kritika hu differenti ferm mir-rumanz imfittex mill-pubbliku.
Il-kompromess, l-għarfien ta’ rumanz li jevita ż-żewġ estremi, instab ukoll. Ir-rumanz il-ġdid seta’ jkun forma ta’ kompromess bejn tradizzjoni li qdiemet u modernità li kienet għadha ma ndratx. Ir-rumanz Love Story (1970) tal-awtur Amerikan Erich Segal (1937-2010) jista’ jitqies bħala eżempju, u hekk ukoll Paceville u Lil Hinn Minnu ta’ Anton Sammut.
Ir-rakkont postmodern: is-sens tal-banali
F’epoka li donnha ngħalqet mingħajr risposta finali – bil-loġika matematika tal-filosfu Awstrijak Ludwig Wittgenstein (1889-1951) fuq naħa, u bl-Eżistenzjaliżmu mweġġa’ tal-filosfu Franċiż Jean-Paul Sartre (1905-1980) u l-oħrajn fuq in-naħa l-oħra – il-Letteratura Ewropea wkoll iddakkret minn din l-għeja intellettwali, sal-punt li l-kritika kontemporanja stess titkellem dwar ‘il-Mewt tal-Filosofija’. Intqal kollox, għaliex inħaseb kollox. Għalhekk, għal Anton Sammut fadal biss id-diskussjoni tal-banalità, tal-affarijiet żgħar. Il-persunaġġi ta’ Sammut, maħsubin b’ħila li tinkludi d-deskrizzjoni diretta u fuq kollox tinqeda l-ħin kollu bil-ħjiel, bis-suġġeriment u bl-implikazzjoni, huma l-figuri ta’ ħsieb li jserrep minn post għal ieħor. Kapitlu 7 joffri l-aħjar eżempji tal-paradoss intelliġenti li jista’ jiddefinixxi lill-kitba kollha tal-awtur.
Sammut xi drabi jadotta ‘speed’ mgħaġġel, veloċità li donnha trid turi li l-lingwa stess hi parti mill-banalità, f’konfront mas-sikta attiva tad-dinja interjuri. Dan jista’ jitqies bħala wieħed mit-tipi ta’ veloċitajiet li huwa jagħżel waqt li jirrakkonta dwar xi aspett tal-motiv ċentrali tiegħu. Kull argument serju jinħass li jikkuntrasta mad-dinja ta’ superfiċjalità li tirreżisti l-ħsieb fuq l-essenzjali. Għalhekk madwar mejda f’Paceville, post li Sammut jirrendih speċi ta’ metafora ta’ kundizzjoni umana, il-qarrej-semmiegħ jistenna li jsib minn kollox.
Il-banali u l-gravi, il-kunċetti li jissemmew bħalma jissemma wkoll fl-istess ħin, pereżempju, iż-‘żarbun sabiħ’: iż-żewġ estremi jiltaqgħu fir-ruħ umana, l-aktar meta r-rakkont ikun wasal f’punt deċiżiv. L-element l-iżjed validu huwa l-bdil istantanju tal-burdata u tal-ambjent fejn isseħħ ix-xenetta: dawn huma wħud mill-fatturi li jikkostitwixxu l-istil narrattiv ta’ Sammut. Mertu ewlieni tal-awtur jinsab sewwasew fil-mod kif l-estremi li jimlew it-tematika tiegħu huma mqegħdin f’konfront ...